Tuesday, 5 August 2014
Qawmien Xellugi
Dan l-artiklu deher fir-rivista Zminijietna Lulju - Settembru 2014
Fost il-pluralità ta’ riżultati li karatterizzaw l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, ta’ min ninnutaw li fuq in-naħa tax-Xellug, kien hemm żieda ta’ siġġijiet.
Il-blokk Soċjal Demokratiku żied l-appoġġ għall-191 siġġu, u l-Ħodor ġabu 50 siġġu. Iżda relattivament, l-ikbar avvanz kien dak tal-blokk Xellugi, li żied minn 35 għal 52 siġġu. Fil-Greċja, is-Syriza mmexxija min Alexis Tsipras – li mexxa wkoll il-kampanja tal-Partit tax-Xellug Ewropew - sar l-akbar partit b’28 fil-mija tal-voti, u dan il-persentaġġ jista’ jikber jekk ikun hemm front maqgħud ma’ partiti oħrajn tax-Xellug. Anke f’pajjiżi bħal Spanja, il-Portugal u l-Ġermanja, il-partiti tax-Xellug ġabu riżultati pożittivi.
Minkejja li l-voti li ġabu l-forzi tax-Xellug u dawk Progressivi m’humiex biżżejjed biex jiksbu maġġoranza fil-Parlament Ewropew, ir-riżultat xorta żied is-saħħa ta’ dawk li qed isejħu għal Ewropa soċjali.
Dan f’kuntest ta’ politika ta’ awsterità mposta mit-Troika Ewropea li ntensifikat il- prekarjetà, inguwaljanzi u faqar f’bosta pajjiżi Ewropej.
Wieħed jittama li l-forzi Xellugin u Progressivi jaħdmu iktar fil-qrib kontra l-mewġa neo-liberali u anke l-mewġa tal-lemin estrem u l-lemin popolista li kiseb riżultati tajbin f’pajjiżi bħall-Franza u l-Ingilterra.
F’dan ir-rigward, dak li qed jiġri fl-Italja huwa tassew importanti. Il-Partito Democratico ta’ Renzi ġab 40 fil-mija tal-voti u rnexxielu jegħleb b’mod konvinċenti lill-Movimento 5 Stelle u lill-Forza Italia. Fl-istess ħin il-moviment tax-xellug, kompost minn partiti, attivisti u intelletwali differenti li ngħaqdu wara Tsipras - ġab iktar minn erba’ fil-mija u b’hekk ser ikun rappreżentat fil-Parlament Ewropew. Hemm min jgħid li l-Partito Democratico ta’ Renzi jirrapreżenta politika ċentrista u Amerikanizzata, iżda hemm ukoll min qed jgħid li Renzi jista’ u għandu jkun vuċi ewlenija fost il-mexxejja Ewropej li jopponu l-Awsterità mposta minn Merkel u l-alleati tagħha.
Fi ħdan ix-Xellug Taljan – speċjalment fis-Sinistra Ecologia e Liberta’ (SEL) iżda anke fir-Rifondazione Comunista - hemm diskussjoni sħiħa dwar jekk għandux ikun hemm appoġġ għal gvern ċentru-Xellugi ta’ Renzi, liema Gvern hu kompost ukoll minn elementi miċ-ċentru Lemin. Din id-diskussjoni għandha l-antagoniżmi tagħha, tant, li kien hemm qasma fis-SEL bejn dawk minħabba din il-kwistjoni.
Nichi Vendola, il-mexxej tas-SEL qal li l-Partit tiegħu jirrapreżenta “xellug tal-governanza iżda mhux xellug fil-gvern” (“Una sinistra di governo, non è una sinistra nel governo”). Il-partiti, movimenti, attivisti u ntelletwali tax-Xellug għandhom jaspiraw biex ikun hemm governanza xellugija, iżda dan ma jfissirx li jiġu assorbiti fil-partiti soċjal-demokratiċi b’mod li leħinhom jispiċċa fix-xejn. Minkejja li x-xellug huwa kemm ’il darba kkaraterizzat minn qasmiet u settarjaniżmu, jista’ jkun hemm ukoll tenzjoni produttiva fil-kamp xellugi u progressiv li tista’ twassal għal kisbiet kbar u formazzjoni eġemonika. F’dan ir-rigward forsi wieħed jista’ jitgħallem mix-Xellug Latin Amerikan, kif kien jisħaq il-ħassieb Ernesto Laclau, li ħalliena ftit tal-gimgħat ilu.
Fil-kuntest Malti, il-Partit Laburista jidher li qed jibni eġemonija b’elementi kontradittorji - b’taħlita ta’ diskors u politika soċjal-demokratika, soċjalista, liberali, neo-liberali u nazzjonalistiċi.
Fl-istess ħin, l-Alternattiva Demokratika ġabet riżultat ineffettiv fl-elezzjonijiet Ewropej. Għall-kuntrarju ta’ l-aħħar elezzjoni ġenerali, AD reġgħet resqet lejn iċ-ċentru u minflok ma okkupat l-ispazju fuq ix-xellug, ippruvat tidher bħala alternattiva moderata u razzjonali f’nofs il-PL u l-PN.
Għalhekk, f’Malta hemm vojt politiku fuq ix-xellug li jista’ jintela, u b’hekk isaħħaħ il-possibiltajiet’ ta’ nfluwenza xellugija fuq il-governanza.
Jeħtieġ li l-fjamma tax-xellug tibqa ħajja, liema fjamma tista’ twassal għal bidliet kbar f’mumenti ta’ qawmien meta l-masses jiktbu l-istorja.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment