Monday 4 August 2014

Fra Gwann Xerri intervistat fir-rivista Zminijietna



Din ir-rivista deheret f'Zminijietna  Lulju-Settembru 2014

“Il-ħidma tiegħi fil-Brażil waslitni biex nifhem aktar is-soċjetà mill-qrib”, hekk qal Fra Gwann waqt intervista mal-Editur tal-gazzetta Żminijietna.




Fra Gwann huwa mwieled il-Belt u trabba tas-Sliema. Studja ġewwa l-iskola f’tas-Sliema ta’ St Joseph u wara mort il-Liċeo u wara dħalt Dumnikan. Bdejt l-esperjenza tiegħi fil-Brażil fl-1974. Għext l-ewwel 3 snin fiż-żona rurali fejn kien hemm eżodu rurali tal-biża minħabba l-bdil ekonomiku taħt id-dittatura faxxista (ta’ Ġeneral Gayzer)li ma kienetx għada fl-eqqel tagħha. Wara nbagħat nistudja Rio De Janiero fejn hemm bdiet tinbet it-Teoloġija ta’ Liberalizazzjoni. Min hemm beda tqarrib tiegħi lejn ix-xellug permezz stess ta’ dawn il-movimenti fi ħdan il-knisja u l-movimenti soċjali. Il-partit xellugi kien għadu projbit, imma kien hemm il-ħolqien ta’ movimenti xellugin fosthom l-hekk imsejjaħ moviment mingħajr art li kien qiegħed f’taqbida kontinwa mal-Gvern biex itejjbu l-qagħda tagħhom. Tista’ tgħid li jien minn hemm bdejt. Il-knisja kellha ħidma pastorali li bdiet b’dik li ngħidulha aħna tal-karita, li nibtet minn l-Isqof Camara li kien sejħilha il-kruċjata ta’ San Bastjan, fejn il-Papa tlieta u għoxrin b’mod ironiku qallu li “tidher li ma għandekx esperjenza fil-middle east għax kieku il-kelma kruċjata ma tużahiex”.

Fra Gawnn kompla jgħid li din imbagħad għaddiet minn aspett ta’ assistenza u karità għal aspett ta’ organizazzjoni u rinvindikazzjoni mill-Istat. Għalhekk ngħaddu minn kunċett bħala il-fqir minn kunċett ta’ ħniena u tal-għajnuna għal fqir bħala suġġett għall-ħelsien tiegħu ma’ l-oħrajn billi jorganizza ruħu; jesiġi li jsir ċittadin u jesiġi li jkollu drittijiet tiegħu mill-Istat. Sa hawn hemm ma għandna l-ebda kunċett ta’ revoluzzjoni. S’intendi l-awtoritajiet kellhom l-ideja ta’ soċjetà ta’ klassi, ta’ esplojtazzjoni. In-nies din kienu għadhom ma fehmuwiex u għalhekk kien hemm ħafna xogħol biex teduka n-nies. Essaġġ kienu l-mexxejja tal-komunità li dawruni favur il-kawża tal-fqir għax jien kont biss nqaddes bħal kull qassis ieħor fid-dinja, fosthom il-mexxej tal-foqra Akinando Bizerra magħruf bħala l-Bola (ballun) li llum mejjet bejn 1974-1978.  Hu kien għallimni ħafna dwar in-nies foqra fil-Brażil. Imbagħad wara mort naħdem ġewwa l-belt kapitali San Paolo. Hemmhekk flimkien ma’ oħrajn bdejna ngħinu lill-moviment tal-“Bdiewa Bla Art”, imma ma konniex nagħmlu parti minnu bħala qassisin. Imbagħad dħalt fil-kwistjonijiet ta’ drittijiet umani fi djoċesi li kienet ħafna mportanti fejn kellek nies jisparixxu “desparicitus” . San Paolo kienet iċ-ċentru ta’ dawk in-nies li kienu jisparixxu fl-Arġentina u l-Urugwaj bis-saħħa ta’ Kardinal. Dħalna naħdmu wkoll fil-Brażil stess fil-ħidma ta’ anti-apartheid fl-Afrika t’isfel. Illum qed nkompli l-ħidma tiegħi pastorali fil-Brażil.

L-Awtoritajiet tal-Knisja x’kienet l-attitudni tagħhom fi żmien id-Dittatura?

Dak iż-żmien kien perjodu ta’ taqlib fil-pajjiż, imma jien ma kelliex tensjoni mill-awtoritajiet tal-knisja, anzi nista ngħid li kien ta’ appoġġ. Kien hemm isqfijiet li kellhom sehem importanti fis-soċjetà bis-saħħa ta’ ħidmiet pastorali bl-appoġġ dirett ta’ konferenzi pastorali. Fi snin 90 kienet tpoġġiet bomba ma wieħed mill-mexxejja tal-komunità gays u fejn jien ġejt mitlub mill-awtoritajiet tal-knisja stess biex immur nuri solidarjetà ma din il-persuna. Iktar riċenti, qabel il-ħatra ta’ Papa Franġisku kelli kwistjonijiet ma’ l-awtoritajiet tal-knisja peress li għandi storja li nħaddan it-Teoloġija tal-Liberalizazzjoni u għalhekk ġejt imċaħħad minn ċertu pożizzjonijiet fi ħdan il-knisja. Illum din żgur li nbidlet bil-ħatra ta’ dan il-Papa.

Jassoċċjaw ħafna fl-Amerika Latina it-Teloġija tal-Liberalizazzjoni mal-Moviment Komunista, huwa ġustifikat dan?  

Ma tistax  tassoċċjah hekk qisek għandek xi “kawża u effett”. Wieħed jistaqsi imma hemm relazzjoni jew le? Jien ngħid li mhux ġustifikat li jgħinad hekk, la fuq naħa u lanqas l-oħra. Li ġara filfatt fi ħdan il-knisja huwa li qabel il-ħatra ta’ Papa Ġanni tlieta u għoxrin id-dinja nqagħlet mill-ideja ta’ destin; li l-faqar mhux destin li Alla għamlu imma għażla tal-ekonomija, iġifieri maħluq mill-bniedem. Iġifieri li tippriedka l-paċenzja ma baqax ġustifikat la m’għamiliex Alla. La m’għamiliex Alla, allura l-paċenzja ma ssegwix aktar. Tajjeb li ngħidu li l-aqwa ħassieba ta’ Teoloġija tal-Liberalizazzjoni studjaw hawn fil-pajjiżi tal-punent. It-teoloġija tar-revoluzzjoni twieldet hawn u mhux fl-Amerika Latina. Beda jinbet moviment kbir fi ħdan il-knisja sabiex jiġi eredikat il-faqar. Imma bdew jindunaw li żvilupp waħda mhux biżżejjed, imma jrid jkun hemm bdil radikali fis-sistema ekonomika. Il-faqar huwa xi ħaġa radikali, allura jeħtieġ tibdil radikali. Allura meta tibda tistudja dan minn se jgħinek biex tifimha din il-filosofija ta’ Aristotle, Plato? Għalhekk minn hemm bdiet tiġi studjata ix-xjenza soċjali biex tifhem aktar il-faqar, u allura kif tista ma tistudjax il-Marx, jekk trid tifhem il-kapital!!

Fra Gwann fisser li mhux għax studjajt il-Marx bdejt inħaddan it-Teoloġija tal-Liberalizazzjoni, imma għax ma qbajtx nemmen f’ħaġa u kelli bżonn biċċa għodda differenti. Dak li ġara mill-aspett teoriku. La m’għadniex nemmnu fil-paċenzja, allura jekk taqra’ l-vanġelu se ttih dimensjoni differenti. Ma tistax tibqa’ tgħid l-istess ħaġa lin-nies eż il-ħelsien tal-poplu Lhudi; il-fejqan ta’ Ġesu; li Ġesu jgħid in-nies imxu, dawk jieħdu dawl ieħor.

Ħafna iktar importanti hu li fi żmien id-dittatura bdiet issir ħafna persekuzzjoni u xi nies ġew ittorturati u ntbgħatu l-ħabs. Minn kienu dawn in-nies? Il-Gvern kien jgħid li dawn kollha komunisti u xellugin. Meta fi-realtà dawn kienu attivisti mill-partit komunista, oħrajn xellugin u minn ħdan il-knisja, imma dawn intefgħu kollha fl-istess ħabs. Ġew ittorturati bl-istess mod u għall-istess raġuni ta’ bidla favur il-fqir. Fra Gwann qal li issa għidli inti li tkun fl-istess ħabs, ġejt ittorturat bl-istess mod u stuprat jekk mara bl-istess mod, allura dawn bdew jgħidu; imma d-differenza bejnietna x’inhi meta aħna nemmnu fl-istess affarijiet. L-istess meta  qalu l-Papa Franġisk li kien iżgħar fl-età li hu komunist, hu qallhom li “komunist qatt ma kont, imma ħbieb komunisti għandi ħafna”. L-istess loġika qed tiġi applikata jekk int tieħu pożizzjoni kontra l-gwerra fil-Libja u fl-Ukraina, jgħidulek li int tappoġġja l-Gaddafi jew f’dal każ riċenti lill-Putin.

S’intendi, kompla jelabora Fra Gwann li l-Gvern fil-Brażil għamel kampanji kbar biex lil dawn jagħmilhom bħala dimonji, inkella kif se jirreżistihom, barra l-qtil brutali, kien hemm il-qtil li aħna ngħidulu tal-karattru. Kif qal l-ħassieb Amerikan Chomsky “id-demonizzazzjoni hija l-ikbar għadu”.          

Huwa ġust li jingħad li Papa Gwanni Pawlu tieni ma għinx f’dak li kien għaddej fil-Brażil?

Daż żgur li ma għinx, huwa argumnent ġust ħafna. Gwanni Pawlu 2 kien anti-komunist.  L-esperjenza tiegħu kienet fil-Polonja, kontra l-komuniżmu fil-Polonja, forsi kellu raġun u mbagħad taqa’ fl-ereżija ta’ l-għadu tal-għadu tiegħi huwa l-ħabib tiegħi. Din il-loġika żgur li mhiex dejjem treġi. Iżgur li hekk għamel, huwa fatt. Ara Papa Ganni tlieta u għoxrin kien bil-maqlub ma kienx jibża mill-komunisti. Minħabba li hu kellu esperjenza qabel ma laħaq Papa ta’ ħidma ma’ Isqof fl-Italja li kien meqjuż bħala xellugi għax kien jaħdem favur il-ħaddiema. Allura dan meta tneħħa minn Isqof u ġie mibgħut il-Bulgarija dana għamel ħafna ħbieb Komunisti li kellhom familja fejn anke bis-saħħa ta’ hekk iltaqa’ ma Krushchev. Hu ma kienx jibża mil-Komunisti, imma ma jfissirx li kien iħaddan l-istess ideoloġija.

X’bidliet rajt fil-Brażil minn meta kont hemm int u llum, f’perjodu fejn anke ġie elett il-partit xellugi ta’ Lula u li llum għadu jiggverna taħt il-Presidenza ta’ Dilma. Essaġġ l-ħolma ta’ Paolo Freire ta’ emanċipazzjoni tal-poplu seħħet?

Fi żmien id-dittatura nibtu ħafna movimenti fosthom ‘bdiewa bla art’, ta’ ‘dawk bla dar’, femministi, dawk li jiġbru l-karti, dawk  indiġeni u dawk li jgħixu maġenb dams. Nibtu ħafna movimenti li kienu dawn li ġabu il-bidliet flimkien ma’ dawk tal-ħaddiema li reġaw organizzaw ruħhom fi trejdjunjins (li kienu projbiti taħt id-dittatura) u l-moviment tal-istudenti (li kienu mħotta mil-gvern dittatorjali). Id-dittatura damet aktar minn għoxrin sena. Dawn ġabu il-bidliet għad-demokrazija fi 60s bl-għajta ta’ riformi strutturali ta’ saħħa b’xejn; edukazzjoni universali; riformi agrarji, li għadhom l-għajta ta’ toroq sa llum ta’ saħħa u edukazzjoni diċenti għall-kullħadd u li l-art tkun maqsuma aħjar mhux f’idejn ftit agro-business.

Fra Gwann saqsa, x’ġara imma?  Dana żgur li ma kienx avviniment tal-Brażil waħdu imma ġrat f’ħafna pajjiżi oħra fl-Amerika Latina. Illum meta ngħidu gvernijiet tax-xellug; gvernijiet aktar popolari, gvernijiet li għandhom ftit kuxjenza lejn il-fqir, filfatt huma kollha kapitalisti bl-eċċezzjoni tal-Gvern ta’ Chavez u l-Ekwador ta’ Correa. Mujica ta’ Urugwaj huwa hu Soċjalista u martu li hi senatura, imma l-Gvern essaġġ m’huwiex. Mexa fl-istess triq ta’ Franġisku ta’ Assisi. Hu jgħix ta’ soċjalist, bdiha hu billi naqqas il-paga iegħu u tagħha lill-foqra, ma jgħix fil-palazz u jgħix ħajja sempliċi.

Tajjeb ngħidu li l-movimenti armati fi snin 60 inħlew, intfilhom il-gass, li jfisser li din it-triq ma twassal imkien, filwaqt li l-ħajt ta’ Berlin waqa’ għax tmermer minn ġewwa. Allura hawn dawn il-movimenti sabu ruħhom f’dinja unipolari fejn rebaħ il-kapitaliżmu minn naħa għal oħra. Dawn il-movimenti ma kellhomx aktar ma minn jinnegozzjaw, anke fuq livell ta’ pajjiż jekk kellhom jieħdu l-poter. Dana ma jistax isir jekk għandek sistema waħda ekonomika.

Il-gvernijiet xellugin li telgħu llum qed jaħdmu f’sistema kapitalista li għandha l-ambigwità tagħha fejn dawn żammew is-sistema kapitalista, ħadnu teorija ta’ żvilupp li hi fuq linja kapitalista, imma peress li għandhom ħafna aktar ruħ soċjali, allura għamlu ħafna riformi soċjali. Fil-Brażil saru riformi soċjali kbar bħall-introduzzjoni tal- ‘borsa’ (sistema ta’ minimum wage) għal min hu bla xogħol; sabiex tfal imorru l-iskola minflok jaħdmu; anke biex tmur l-universita u tixtri l-kotba. Imbagħad daħlu l-kwotas sabiex aktar nies miż-żona l-fqira, indiġena, suwed u nisa jidħu fl-universita statali. (li jfisser li jrid jkun hemm rappreżentanza ta’ kull minoranza fl-universita). Dawn taħt il-gvern ta’ Lula splodew, għamilhom politika ċentrali. Naqqas it-taxxi fuq white goods, if-faċilita is-self mill-banek, imma dana kollu għamlu bla ma miss is-sinjur. Daħħal il-pensjoni. Ħafna nies tista’ tgħid li nqalgħu mill-faqar. L-ekonomija tal-irħula tjiebet u għalhekk jitla’. Filfatt jakkużawh li dawn ir-riformi huma popolisti.

X’inhuma nuqqasijiet llum u għala qed isiru l-irvellijiet fil-Brażil wara l-għajta ta’ transport pubbliku b’xejn?

Il-Partit fil-gvern xellugi kellu fil-manifest oriġinali tiegħu li transport pubbliku jkun b’xejn, bi teorija tkun li din ekonomikament u kapitalistikament hija vijabbli u tajba għax; in-nies ittihom il-ħelsien; iċċaqlaq l-ekonomija; tnaqqas it-tniġġiż u l-ħela taż-żejt li hu għoli immens; ekoloġikament aħjar; tirrispetta d-dritt kostituzzjonali li nies għandhom id-dritt li jmorru u jiġu għax jekk it-trasport ikun għoli dan ma jistax iseħħ. Fra Gwann kompla jgħid li l-ewwel gvern lokali xellugi ġewwa San Paolo ippruvat iddaħħalha imma ma kelliex maġġoranza fil-parlament lokali u kien hemm wkoll ‘lobby’ b’saħħtu tas-sidien ta’ transport li ma riedux it-telf. Dawn kienu jipprotestaw kull sena u issa li l-Ewropa ndunaw. Hemm xi bliet fil-Brażil li transport huwa b’xejn.

It-tgergir li hemm huwa wkoll minħabba l-korruzzjoni, korruzzjoni li tinsab kull naħa ta’ l-ispetru politiku għax hemm stati immexxijin minn gvernaturi lokali minn kull naħa. Wieħed jistaqsi għala ma tistax togħla l-paga minima u mbagħad hemm din il-korruzzjoni kollha. Hemm wkoll il-problema li fil-koalizzjoni fil-gvern hemm ħafna partiti li kollha jridu pożizzjoni ta’ ministeru u karigi li twassal għal aktar korruzzjoni. Għad hemm l-użu ħażin tas-saħħa, li tajjeb ngħidu li dan il-gvern tejjieba ħafna. Għalhekk, kompla jgħid Fra Ġwann li l-President Dilma jaf terġa tiġi eletta. Ġabu tobba fil-pajjiż kollu bil-maġġoranza tagħhom jkunu Kubani, u oħrajn mill-pajjiżi tal-Ewropa li huma mifnija bil-qgħad fosthom Spanja u Portugall. Immaġina inti meta persuna qatt ma rat tabib u issa għanda. Għad hemm il-problema ta’ nuqqas ta’ housing. Dan il-gvern għamel wkoll inqas tqassim ta’ l-art minn dak taħt Lula. Fuq din iktar jidher li l-Gvern ta’ Dilma favur aktar l-agro business. Waqt li l-President Lula (li mexxa il-gvern għal 10 snin) li ġej mis-settur sindakali kien aktar moħħu biex jinnegozzja, Dilma li hi aktar teorika, m’għandiex daqshekk kuntatt mal-moviment soċjali; ma titkellimx; mhiex simpatika; mhiex kapaċi tinnegozzja sew u għalhekk dan in-nuqqas tefgħaha lura. 

Fra Gwann semma wkoll il-problemi marbuta mat-tazza tad-dinja fejn qal li mhux kulħadd fil-partit fil-gvern kien favur tagħha. Lula kien favur bl-għajta ta’ “Ħobb il-futbol”, imma tajjeb ngħidu li mhux hu kien il-persuna li ffirma l-kuntratt. It-tazza ta’ dinja ġabet magħha serq kbir mill-kuntratturi fil-bini tal-grawnds li anke uħud ma lestewx fil-ħin; il-problema ta’ skjavitu ta’ ħaddiema biex inbnew il-grawnds li dawn ġabu rewwixti kbar fil-pajjiż u li ħadd mill-midja ma tkellem fuqhom; il-gvern għandu kriżi finanzjarja li waslet biex numru ta’ nvestimenti soċjali ma twettqux; l-arroganza tal-FIFA  fejn liġijiet ta’ protezzjoni soċjali biex in-nies jmorru l-grawnd (sussidju) tneħħew kompletament u daħħal l-konsum ta’ alkoħol fl-istadji meta dan mhux permessibli taħt il-liġi Brażiljana u din in-nies urtathom. Il-protesti ħafna minnhom saru kontra l-FIFA għax il-FIFA ukoll mimlija korruzzjoni.

Il-ħassieb xellugi u teologu Brażiljan Paolo Freire kien qal li “l-edukazzjoni għandha tħalli l-oppressat jerġa jakkwista s-sens ta’ umanità, li din iġġagħalu itejjeb il-kundizzjonijiet tiegħu, imma biex iseħħ dan l-individwu oppressat għandu jilgħab rwol ċentrali biex titwettaq din il-liberalizazzjoni”. Fil-kuntest ta’ llum meta l-gvern hu suppost xellugi għadu jagħmel sens dan il-kliem?

Daż-żgur li iva! L-inklużjoni fil-pajjiż saret permezz tal-konsum u l-konsum fih innifsu hu aljenazzjoni. Il-persuna għandha bżonn issir ċittadina mhux konsumista. Allura l-militanza, l-utopija fil-pajjiż marru l-baħar. Illum dawn spiċċaw. Il-partiti ta’ ċentru xellug qatlu l-militanza. In-nies li nqalaw mil-faqar wkoll m’għadhomx militanti. Nies li qed jgħixu f’riskju ta’ faqar minħabba djun wkoll tbiegħdu mill-militanza.

Il-konsum, ibbażat fuq il-marka żgur li qed jiġġenera l-vjolenza fost in-nies, fejn nies miż-żoni l-foqra qed iwettqu l-vjolenza fuq nies oħra u anke qtil biex jiksbu dak il-prodott tal-marka, fosthom żraben etċ, meta int suppost li għandek bżonn huwa żarbun. Imma dawn il-problemi huma prodott tal-kapitaliżmu selvaġġ. 

Ħafna pajjiżi fl-Amerika Latina jidher li aborixxew il-politika neoliberali, x’taħseb fuq din? u taħseb li dan il-fatt se jwassal għall-ħolqien ta’ ekonomija oħra li hi soċjalment u ekoloġikament aktar ġusta, meta għandek il-moviment żapatista li qed jaħdem favur id-drittijiet tal-poplu indiġenu, il-politika tal-ġustizzja soċjali Bolivarjana tal-Ex President llum mejjet Hugo Chavez, il-politika ta’ Morales li hi bbażata fuq manifest li jipproteġi d-dinja mill-kapitaliżmu selvaġġ bl-isem ta’ “Mother Earth” u Kuba li għadha mixja fi triq tar-revoluzzjoni għal soċjetà ġusta?

Jien naħseb li dawn lkoll għandhom xewqa li jkollhom sistema alternattiva. Żgur li kien hemm ċaqliq importanti għal din is-sistema ekonomika bis-saħħa ta’ ċertu mexxejja fosthom Chavez li ġab bidliet strutturali kbar; fejn inħoloq bank għall-Amerika latina, stazzjon televiżiv (Telesur). Pero ma naħsibx li jaraw kundizzjoni li joħolqu sistema ekonomika alternattiva, toħloq xi ftit ta’ l-ispazji, mhumiex tant daqshekk dipendenti fuq il-Fond Monetarju u l-Bank Dinji, daqs kemm kienu. Grazzi għall-għaqda bejn il-pajjiżi tal-Amerika Latina din wasslet biex l-indħil ta’ l-Istati Uniti fl-Amerika Latina naqas. Illum l-Istati Uniti tindaħal aktar f’reġjuni oħra tad-dinja. Li hu żgur xorta is-sistema ta’ l-Amerika Latina hi bbażata fuq ‘economic growth’ , bl-eċċezzjoni ta’ Morales u l-moviment żapatista li hi aktar ekoloġika.

Fra Gwann kompla isawwar id-diskors tiegħu bil-kliem li l-kunċett ta’ development fid-dinja huwa bażwi, u kif qal Marx “żvilupp għal min?”. Kullħadd jgħid li l-ekonomija sejra l-quddiem, imma wieħed jistaqsi għal min?. Ħafna sinjuri f’pajjiżi li intlaqtu mill-kriżi ekonomika saru aktar sinjuri filwaqt li nies komuni tbaxxilhom il-livell tal-għajxien u ħafna oħrajn ftaqru, eż Greċja, Spanja, l-Inghilterra. Marx huwa ġust meta jgħid li din hi soċjetà ta’ klassi. Żgur li se nħallsu prezz għoli l-quddiem għall-problema ekoloġika.

Fra Gwann li llum qed jagħmel xogħol fil-provinja temm l-intervista billi qal li nistgħu niġġieldu n-neoliberaliżmu f’sistema kapitalista u anke f’sistema mhux kapitalista. Hugo Chavez kien jgħid li l-problema tal-klima ma tissolviex għax ma hux bank, ara kieku kien bank kienu isolvuha mill-ewwel.

Subscribe to Zminijietna review: Send €5 cheque addressed to 'Zminijietna' and your details to Zminijietna P.O Box 35 Sliema. SLM1000 or by online banking - bank transfer to BOV 40013290155

No comments:

Post a Comment